Nostalġija mill-Imgħoddi
F'din il-parti se nibdew inżidu regolarment ritratti antiki li żgur iġibu nostalġija sabiħa mill-imgħoddi...
Il-logħba tal-iSnooker dejjem kienet popolari fil-Każin tagħna. Ritratt sabiħ immens meħud fis-snin 70. Mix-xellug jidhru Charles Callus, Bartolomew Magro, Ġeraldu Ebejer (RIP), Johnny Caruana, Tony Briffa, Raymond Mallia, Joe Cilia, Joe Mallia (RIP), Michael Micallef, Mario Spiteri, Charles Degiorgio, Guido Borg, Paul Vassallo, Lorry Muscat, George Muscat (RIP), John Muscat, il-persuna li qed tippreżenta t-trofew John Muscat (mhux Balzani) u Michael Parnis.
![]() Ritratt mill-isbaħ li għandu x'jaqsam mal-logħba tal-iSnooker fil-Każin. Għaldaqstant inħalli f'idejkom taraw lil min tagħrfu.
![]() Fis-sena 1960 kien jaħbat iċ-Ċentinarju Pawlin u l-kwadru kien għadda minn Ħal Balzan. Xena sabiħa waqt il-pellegrinaġġ u bil-faċċata tal-Palazz/Każin tiddomina kollox.
Dan ir-ritratt joħodna lura fis-sena 1949 waqt l-Ordinazzjoni ta' Dun Ġużepp Zammit. Mix-xellug jidhru Dun Spir Sammut, Dun Ġuzepp Zammit, Dun Pawl Calleja, warajh wiċċu nofsu mgħotti l-Kappillan Mons Karm Sciberras u l-Kappillan F.X. Zahra.
2017 – 65 sena mit-twaqqif tal-Banda San Gabriel
L-ewwel ritratti antiki għas-sena 2017...........din is-sena jaħbat il-65 sena mit-twaqqif tal-Banda San Gabriel...1952-2017.....dawn ir-ritratti jixdhu l-entużjajżmu tal-Balzanin bit-twaqqif tal-Banda San Gabriel mill-Fundatur Gabriel Caruana MQR...dawn ir-ritratti ttieħdu fuq il-bejt tal-Każin l-antik,faċċata tal-Każin/Palazz preżenti....Inħalli f'idejkom taraw lil min tagħrfu.... Nagħlqu s-sena 2016 b';ritratt mill-imgħoddi mill-aqwa....il-Kor tal-Parroċċa kien ħa sehem f'April 1962 fil-ftuħ tas-Sala Aurora f'Ħal Balzan....Araw lil min tagħrfu.....u bilħaqq....IS-SENA T-TAJBA 2017 LIL KULĦADD....
Ritratt li johodna fis-snin 60...Il-Kumitat Ċentrali tal-Każin tal-Banda San Gabriel quddiem is-Sala Manduca. Il-Kumitat kien magħmul hekk:
Bilwieqfa min-naħa tax-xellug: Saverin Muscat, Nazju Magro, Ġanni Muscat,Abraham Muscat u Kalċidon Micallef. Quddiem mix-xellug: Is-Segretarju Gabriel Caruana, il-President Alfred Brincat u t-Teżorier Valentino Muscat. Il-Kumitat u s-soċi taċ-Circolo San Gabriel dejjem kellhom il-ħsieb li jiksbu dar aħjar u aktar ċentrali fir-raħal u dan insibuh fil-15 t’Awwissu 1922. Din id-dar li ttieħdet kienet eżattament f’wesgħa żgħira taħt il-kampnar. Fit-8 ta’ Frar 1923 tħallset £1 għall-mejn tal-ilma ġdid f’applikazzjoni li saret mill-President Carmelo Buhagiar eżattament meta nkiseb. Fl-1 ta’ Ġunju 1924 insibu żvolt’oħra għaċ-Circolo San Gabriele minħabba l-fatt li issa nsibu li l-Cumitat Direttiv daħħal is-servizz tad-dawl. Din id-dar m’għadhiex teżisti għax twaqqgħet sabiex tinfetaħ il-pjazza. Fir-ritratt innotaw il-kobor tas-siġar ta’ fuq iz-zuntier li llum m’għadu jeżisti xejn, mingħajr bankina u l-kolonni għadhom jintramaw fil-festa tal-Lunzjata fi triq il-kbira bil-brazzi. L-armar jidher eleganti ferm, it-temp jidher li ppermetta għax f’dak iż-żmien il-festa tal-Lunzjata kienet għadha ssir fix-xitwa.
B’xorti tajba, il-Każin tal-Banda San Gabriel għandu ħafna affarijiet li jiġbduk anke jekk tidħol fis-sede għall-ewwel darba li jinsab taħt id-dell tal-Knisja Parrokkjali. Mal-ewwel daqqa t’għajn li tilqgħek hija l-bitħa u dan jixduh il-ħafna nies li ta’ kuljum jiġu f’dan il-każin. Dan hu mertu għal missirijietna li matul is-snin dejjem ħabbew u rabtu qalbhom ma’ din is-Soċjetà biex il-Każin tal-Banda San Gabriel jibqa’ fuq quddiem fit-tixrid tal-kultura mużikali u soċjali kemm fost il-Balzanin u dawk kollha li jżuruna.
Ritratt sabiħ immens li juri l-Kumitat Ċentrali għas-sena 1976/1977 - 40 sena ilu.... eleganti għall-aħħar. Innotaw li r-ritratt ittieħed fl-ewwel sala li tbiddlet mhux ħażin ukoll f’dak li għandu x’jaqsam dekorazzjonijiet bħall-art u ħitan. L-istorja tkompli ta’ nies b’qalb kbira fil-Każin tal-Banda San Gabriel.
Ritratt antik jinsab fil-Każin tal-Banda San Gabriel juri l-istatwa ta’ San Valentinu Martri meqjum fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Balzan. Jingħad li San Valentinu għandu rabta speċjali ma’ Ħal Balzan, jixhdu l-ismijiet tan-nies, djar imsemmija għalih u triq imsemmija għall-istess qaddis. Anke dan il-Każin għandu rabta speċjali miegħu speċjalment fl-ewwel snin tat-twaqqif u dan l-inkwatru jixhed dan għax imdawwar ukoll bil-frenża ta’ lewn dehbi. Dan ir-ritratt imur lura għas-sena 1924, jiġifieri għandu 92 sena.
Nota storika: Kien il-Kanonku Kapitulari Dun Lawrenz Grech Delicata li, b'awtentika tas-26 ta' Jannar 1820, ġab Malta l-korp sant ta' qaddis martri li l-Knisja tatu l-isem ta' Valentinu. Dan kien maqlugħ miċ-Ċimiterju ta' Sant'Elena as duas lauras f'Ruma fis-sena 1784. Dan il-korp sant, li jikkonsisti fl-għadam tas-sider u s-saqajn ta' dan il-martri, ingħata mill-istess Kanonku lill-Knisja Parrokkjali ta' Ħal Balzan fejn illum jinsab miżmum bl-akbar qima. Wara l-festa titulari ta' Marija Annunzjata, dik ta' San Valentinu hija l-aktar popolari. Saħansitra fl-antik kienet tiġi ċċelebrata wisq aktar mill-istess festa titulari. Din hija ħaġa possibli meta niftakru li l-korp ta' San Valentinu sab postu fil-parroċċa qabel il-vara titulari tal-Lunzjata. Fl-imgħoddi l-Każin tal-Banda San Gabriel kien jieħu sehem fil-karnival fil-Belt Valletta, b’xi karru dekorat jew kumpanija taż-żfin.
Fuq nota storika, biex iqajmu l-karnival, fl-1926 ittieħdet id-deċiżjoni li jistiednu lill-każini tal-baned kollha ta’ Malta biex jieħdu sehem. Il-baned għoġbithom l-idea u bdew jipparteċipaw, b’xi karru dekorat, maskri grotteski, u kumpaniji taż-żfin akkumpanjati mill-istess baned. B’hekk inħolqot il-kompetizzjoni li għada ssir sal-lum. Sehem il-Każin tal-Banda San Gabriel fil-karnival Malti beda wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Dan kien fuq l-inizjattiva tas-Sur Gabriel Caruana. Kien żmien meta l-każin kien qed jaħdem fuq proposta ta’ Caruana, biex titwaqqaf banda. Iżda waqt li l-ewwel allievi kienu qed jiġu ppreparati biex...agħfas biex taqra aktar. IL-MILIED U L-KAŻIN TAL-BANDA SAN GABRIEL
Sa mit-twaqqif taċ-Circolo San Gabriel, l-ewwel membri ta’ din is-Soċjetà kellhom għal qalbhom il-festa titulari tal-Lunzjata, il-festa ta’ San Valentinu, il-festa tal-Qalb ta’ Ġesu’ u l-festa tal-Milied. Dawn kollha jissemmew fil-kotba tal-minuti u kienu jippreparaw bi sħiħ għalihom. Fl-ewwel rendikont, meta l-każin kien għadu fi Triq Santa Marija, insibu spejjez għall-presepju li kienu ta’ żewġ xelini u disa’ soldi. Mill-plattina tal-ġbir li sar għall-presepju, insibu li ġabru żewġ xelini u sold. Ma kienx jonqos ukoll li jagħmlu biljetti tal-lotterija kif ukoll jibagħtu l-biljett tal-awguri fi żmien il-Milied. Fis-sena 1926 insibu li Padre Valentino Cardona li kien il-Padre Spiritwali tas- Soċjetà, jagħmel conferenzi għat-tħejjija tal-Milied. Imbagħad naraw li l-Kumitat Direttiv kien beda jagħmel fiera f’Lejliet u nhar il-Milied sabiex ikun jista’ jiġbor finanzi għall-pedestall ta’ Ġuditta. Pero’ nsibu li fil-fiera tas-sena 1927, wieħed minn kull erbgħa tal-profitti tal-fiera tal-Milied marru għall-Kappillan abbeneficjenza tal-bibien tal-Knisja Parrokkjali. Mis-sena 1970, il-Banda San Gabriel bdiet tieħu sehem fil-purċissjoni tal-Milied organizzata mill-Qasam tal-MUSEUM ta’ Ħal Balzan u dan sar appuntament annwali u mistenni mill-istess Kazin. Niltaqgħu nhar il-Ħamis f’Lejliet il-Milied ħdejn il-Qasam tal-MUSEUM tas-Subien ħalli nakkumpanjaw il-purċissjoni tal-Bambin. Waqt zjara f’Malta fit-3 ta’ Mejju 1954, eżattament 61 sena ilu, ir-Reġina Eliżabbetta II għamlet żjara f’Malta. Fil-fatt, ir-Reġina għaddiet minn Ħal Balzan fi triqtha għall-Ġonna ta’ San Anton. Mhemmx dubju li l-Banda San Gabriel ħadet sehem billi sellmet lir-Reġina Eliżabbetta II permezz tad-daqq tal-God Save the Queen u marċi oħra. Il-Banda San Gabriel kienet ilha sentejn imwaqqfa u kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro Carmelo Briffa. Il-planċier intrama fi Pjazza Bertu Fenech u ntramat fjura kbira b’wiċċ ir-Reġina. Sadanittant, fil-Belt Valletta kienet saret ċelebrazzjoni tal-Coronation Day fl-1 ta’ Ġunju 1953. Il-Każin tal-Banda San Gabriel kien ħa sehem f’din l-attività permezz ta’ karru mtella’ mis-Segretarju ta’ dak iż-żmien Gabriel Caruana flimkien ma’ sħabu. Sa mis-snin 30, iċ-Circolo San Gabriel, imbagħad Għaqda San Gabriel sakemm fl-1952 sar Każin tal-Banda San Gabriel, kien Pro-Britain. Dan jixduh numru ta’ Gvernaturi li żaru l-Każin tagħna, il-Banda Kings’ Own tal-Belt Valletta għadha sallum tkun il-mistiedna f’Jum il-Festa tal-Lunzjata li flimkien ma’ dawn l-attivitajiet jikkonfermaw li missirijeitna kienu Pro-Britain.
Il-Programm BONGU MALTA kien isir il-Ħadd filgħodu fuq TVM. Dakinhar li sar mill-Ġonna ta’ Sant’Anton fis-sena 1986, il-preżentatur popolari Charles Xuereb kellu bħala mistiedna lill-Każin tal-Banda San Gabriel. Charles Xuereb jidher jintervista lill-President ta’ dak iż-żmien Gabriel Caruana. Madwar jidhru wkoll uħud mill-Kumitat Ċentrali flimkien mas-Surmast Direttur ta’ dak iż-żmien Mro Clemente Sciberras.
It-tim ta' Balzan Youths, kif kien jismu dak iż-żmien kien jilgħab fit-3 diviżjoni. Dan ir-ritratt li ttieħed fl-1952 fi Schrieber Ground jew kif jafuħ aktar Pace Grasso fil-logħba kontra Dingli Swallows. Tajjeb li nkunu nafu li fl-1921 il-futbol f'Ħal Balzan kien ġa jeżisti għax kienu jikru kamra fiċ-Circolo San Gabriel meta l-każin kien fi Strada Dietro la Chiesa jew kif inhi magħrfa llum Triq l-Annunzjata.
1922 - L-ewwel membri taċ-Circolo San Gabriele.
Lejn it-tieni nofs tas-snin 70, uħud mill-Membri tal-Kumitat Ċentrali mmexxi mill-President ta’ dak iż-żmien Gabriel Caruana MQR fil-bitħa tal-Każin għad-dell tal-Knisja Parrokkjali.
|
Ritratt mill-aqwa li juri rġiel u żgħażagħ Balzanin flimkien mal-Kappillan Mons. Dun Karm Sciberras u l-Viċi-Kappillan Dun Ġwann Zammit Hammet. Ir-ritratt ittieħed waqt xi attività tal-Azzjoni Kattolika Ħal Balzan fis-snin 60. Araw lil min tagħrfu!
Tiftakruh dak l-iscaffolding? Min jaf kemm ħadem u tella’ xogħol dak l-imbierek ta’ scaffolding? Timmaġinaw kieku llum għadna nużawh? U l-iscaffolding mhux armat sħiħ fir-ritratt, kellu fejn jintrama aktar fl-għoli. Pero’ l-kumdità tieħu post f’kollox, u anke fl-armar. Innotaw ukoll l-ħajt kif kien. Dan ir-ritratt ittieħed lejn l-aħħar tas-snin sebgħin. Dan il-Każin, sa mill-bidu tat-twaqqif kellu għal qalbu l-armar tal-festa tal-Lunzjata.
![]() Il-logħob tal-Biljard kien popolari fil-Każin tal-Banda San Gabriel. Matul iż-żmien kienu ġew diversi personaġġi li għamlu isem fil-logħba tal-Biljard f’pajjiżna. Dawn kienu jiġu jilagħbu logħbiet ta’ esebizzjoni. Intant matul is-sena kienet issir ukoll il-Kompetizzjoni tal-Biljard għall-membri u kienet tnissel interess kbir fost il-membri bl-logħob akkanit u interessanti minn sena għall-oħra. F’dik is-sena 1982, ir-rebbieħ kien Paul Vassallo fejn jidher jilgħab filwaqt fir-ritratt l-ieħor jidher imdawwar ma’ sħabu bit-trofew. Inħalli f’idejkom biex tagħrfu lill-membri l-oħra li jinsabu f’dawn ir-ritratti li qed nippubblikaw.
Ritratt ittieħed fil-Festa 1988 fejn juri lil Vince Borg u ommu Karmena Borg (nee’ Muscat) jippreżentaw standart tal-Awstralja fejn Vince għadu joqgħod sallum. Tajjeb li nsemmu li Karmena Borg (nee’ Muscat) u l-familja tagħha għandha rabta qawwija mal-Każin tal-Banda San Gabriel fejn ħuha Giuseppe Muscat 1 kien wieħed mit-3 żgħażagħ li bdew it-triq għal din is-Soċjetà li matul iż-żminijiet tant kibret u żviluppat. Fil-Ktieb 90 sena ta’ Storja hemm miktub hekk: Fl-ewwel irċevuta li għamel il-Kappillan Dun Amabile Sisner nhar it-Tnejn 19 t’April 1920 insibu li sejjaħ lil 3 żgħażagħ ‘quali deputati, rappresentanti e soci del Circolo San Gabriele’, xhieda li Giuseppe Muscat (21 sena), Giuseppe Falzon (21 sena) u Salvatore Attard (17-il sena) mhux biss kienu soċi iżda kienu qed jirrapreżentaw lil sħabhom li kienu tawhom l-awtorita’ biex jieħdu dan il-pass. Dan kollu juri li l-Kappillan Sisner kien jaf x’inhu għaddej sew fir-raħal u dawn iż-żgħażagħ kienu jgħarrfuh b’kollox. Min dan kollu nikkonfermaw li lejn din is-Socjeta’ l-ġdida resqu fi ħdanha diversi żgħażagħ Balzanin. Giuseppe Muscat 1 serva bħala President fis-sena 1921 imbagħad jerġa jsir President fis-sena 1932. Hu serva għal bosta snin fil-kariga ta’ Segretarju. Tajjeb li ngħidu wkoll li wara l-isem ta’ Giuseppe Muscat insibu in-numru 1 u dan għaliex fiċ-Circolo San Gabriel kien hemm 3 soċi bl-isem ta’ Giuseppe Muscat. Lil Giuseppe Muscat kienu jsibuh Ta’ Fechica.
Tiftakruha Triq il-Kbira tintrama bis-sopraporti? Tiftakru l-armar kien jintrama bl-iscaffoldfing? Dan ir-ritratt joħodna lura għas-snin 80. Innotaw ukoll li Triq il-Kbira kienet għadha tista’ titla’ u tinżel għall-mod kif inhuma pparkjati l-karozzi.
Kienet drawwa li kif tgħaddi l-festa tal-Lunzjata, il-Każin tal-Banda San Gabriel kien jorganizza ikla bejn id-dilettanti Balzanin, dawk tal-armar, tan-nar u benefatturi jew ħbieb tas-Soċjetà fis-Sala Aurora. Kienet tkun serata pjaċevoli fejn id-dilettanti kienu jiltaqgħu f’atmosfera trankwilla u jitkellmu dwar il-festa li tkun għadha kif għaddiet. Araw lil min tagħrfu!
Mix-xellug għal-lemin jidhru Saverin Muscat, il-Kaxxier Valent Muscat, Ġużeppi Borg Olivier, Charlie Caruana, il-President Alfred Brincat, is-Segretarju Gabriel Caruana, Mikiel Micallef magħruf bħala Il-Boqboq, Abraham Muscat, Nazju Magro, Salvu Brincat u Ġeraldu Ebejer (jidher ftit). It-tfal li jidhru jżommu l-bandalora huma Joe Attard, illum Viċi-President u Duminku Muscat. Dan ir-ritratt meħud fiż-żmien 60, ittieħet ħdejn is-siġar fil-bidu ta’ Triq il-Wied ma’ Triq il-Kbira fejn kien hemm Nancy Store. Kienu elegantissimi fl-ilbies tagħhom!
Din id-darba r-ritratt mill-imgħoddi jdur lejn il-ħajja soċjali tal-Każin tal-Banda San Gabriel. Matul is-snin, il-Bar tal-Każin jew il-Bottegin ikun il-post fejn il-membri jqattgħu il-ħin liberu tagħhom f’atmosfera relassanti u fejn jaqsmu l-ideal u ħsibijiet tagħhom. Ritratt mill-aqwa, miġbud f’nofs is-sebgħinijiet, il-Bar ma kienx fejn jinsab illum iżda f’kamra qabel. Mix-xellug jidher Nazju Magro, Mario Spiteri, Bartolomew Magro, Ġeraldu Ebejer, Johnny Caruana u Pippo Briffa.
Sa mit-twaqqif tiegħu, il-Każin tal-Banda San Gabriel, dejjem kellu għal qalbu l-armar tal-festa. L-armar dejjem kellu priorità f’qalb il-membri tas-Soċjetà. Ritratt sabiħ immens, membri mill-istess Każin jidhru ferħana jarmaw id-drapp tat-trofej li saru eżattament 90 sena ilu - 1925-2015. Dawn kienu jintramaw fi Triq il-Kbira, ‘il fuq mill-Każin. Illum dawn l-10 trofej għadhom jitgawdew fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali. Dan ir-ritratt ittieħet fil-jiem tal-festa tal-Lunzjata fl-aħħar tal-ħamsinijiet bidu tas-sittinijiet. Fuq is-sellum jidhru Kola Borg u taħtu Benny Pace, imbagħad mix-xellug għal-lemin jidhru Nazju Magro, Karmenu Micallef, Valent Micallef, Charlie Cassar u Lawrence Muscat. Imbagħad kokka mix-xellug għal-lemin naraw lil Valent Magro (ħu Nazju Magro), Ġeraldu Ebejer, Abraham Muscat u Charlie Caruana.
It-Tnejn 11 t’Ottubru 1982 mal-4am sbieħ, maltempata laqtet il-gżejjer Maltin. Ġurata qabel f’Ħal Balzan kienet ġiet iċċelebrata b’pompa kbira l-festa ta’ San Valentinu, Ko-Protettur tal-Parroċċa. B’xorti ħażina, f’Ħal Balzan, din it-tempesta qalila laqtet lill-kampnar tal-Knisja Parrokkjali bl-ikraħ. Saru ħsarat kbar lill-ponta tal-kampnar, il-pinnur u l-ġebla ornamentali ta’ taħtu, il-piramida, balavostri, biċċa sew mill-gwarniċa u l-lavur tagħha. Din il-ħsara kienet ser tiswa lill-Parroċċa somma kbira ta’ flus. Intant, il-Kappillan ta’ dak iż-żmien Dun Tarċisju Delicata flimkien mas-Sagristan il-mibki Valent Chetcuti u membri mill-Każin tal-Banda San Gabriel bdew ħidma li jissewwa l-kampnar. Ix-xogħol tlesta f’Marzu tas-sena 1983.
Is-sena 1952, is-sena tat-twaqqif tal-Banda San Gabriel. Mal-faċċata tal-knisja parrokkjali tidher il-bandalora artistika li kienet swiet lis-Soċjetà s-somma ta' £32 14s 1d. Jidher li r-rakkmar bid-deheb u x-xogħol l-ieħor li għamlu s-Sorijiet tal-Buon Pastur swew £25. Din l-opra li aħna tant kburin biha żżanżnet għall-festa tas-sena 1930, is-sena meta l-isatwa tal-Lunzjata kienet ġiet żgraffjata u ndurata mill-ġdid
|