http:www.stgabrielbandclub.com
  • Home
    • Djarju tas-Soċjeta'
    • Nostalġija mill-Imgħoddi >
      • Karnival
  • Festa 2017
  • Festa 2016
  • Teatru Manoel
    • Ritratti Sergio Muscat
    • Ritratti Daryl Cauchi
  • Każin
    • Presidenti
    • Kumitati
    • Idħol Membru
  • Festa
    • Banda
    • Nar
  • Ġimgħa Mqaddsa
  • Pubblikazzjonijiet
    • Ktieb tal-Festa 2017
    • Ktieb tal-Festa 2016
    • Nani u Ħal Balzan
    • Ktieb tal-Festa 2015
    • Ktieb 90 Sena Soċjeta'
  • Book Swap
  • Restaurant
  • Kuntatt
  • English
  • Festa 2016
  • New Page
  • Festa 2016

Il-Piroteknika f'Ħal Balzan u fil-Każin tal-Banda San Gabriel.

Għal seklu u aktar, Ħal Balzan gawda stima kbira fil-manifatura tal-logħob tan-nar. Dan tikkonfermaħ l-istorja u l-fatti li ma jħassarhom ħadd. Imbagħad meta niġu wara t-Tieni Gwerra Dinija, jidħol demm ġdid ġewwa l-Każin tal-Banda San Gabriel u b'ħeġġa kbira jibda jitrewwem grupp li jimmanifatura l-logħob tan-nar.

It-Traġedja tal-1903

Picture
Kien il-Ħamis filgħaxija 22 ta’ Ottubru 1903, għal-ħabta tat-8pm, kulħadd kien miġbur f’daru, għajr għaċ-Circolo L’Annunziata li dak iż-żmien kien l-uniku każin fir-raħal….min jilgħab bil-karti, min jaqra, min jaħdem in-nar għall-festa, imsomma xi rġiel iqattgħu siegħa żmien flimkien. Fid-daqqa u l-ħin, bla ma ħadd intebaħ kif u għala, it-taħlita tal-putassa li kellhom ħadet in-nar u tajret kull mhemm. Instemgħet spluzjoni qawwija u hezzet lid-djar ta’ Ħal Balzan kollha, saħansitra nstemgħet minn irħula oħra fil-qrib. The Daily Malta Chronicle tas-Sibt 24 t’Otturbru 1903 tiddeskrivi din it-traġedja bħala splużjoni kbira li n-nies ħasbu li waslet l-aħħar tad-dinja. Ħal Balzan kien waqa’ f’luttu kbir. 

Valent Debono, Antonju Falzon, Ġużeppi Muscat, Pawlu Muscat, Piju Muscat u Konċetta Sisner, 36 sena, oħt il-Kappillan Bormliż Dun Amabile Sisner. Kienu ntradmu wkoll bosta nies oħra fosthom Rosina, oħt il-Kappillan Sisner ukoll. It-traġedja tan-nar f’Ħal Balzan kienet ġrat fit-22 t’Ottubru 1903. Fl-okkażjoni tal-mitt sena kienet saret tifkira simbolika addattata ferm fejn saret quddiesa solenni fil-Knisja Parrokkjali. Kienet ħadet sehem fil-quddiesa l-Banda San Gabriel. Ta’ kull sena f’Novembru, il-Każin tal-Banda San Gabriel għadu jżur iċ-ċimiterju tal-Parroċċa u jpoġġi kuruna quddiem lapida li kienet tpoġġiet fis-sena 1953, dakinhar tal-50 anniversarju mit-traġedja. Fuq nota oħra, għaċ-Circolo L’Annunziata kien jinsab fi Triq il-Kbira, ftit ‘il fuq mill-Knisja Parrokkjali u kien intradam bl-isplużjoni.  

Il-Każin sar ħerba u l-Balzanin ħarġu minn djarhom ħalli jaraw x’ġara. Mhemmx dubju li n-nies bdiet tipprova tagħti l-ewwel għajnuna u tfittex lil niesa. Iċ-Circolo L’Annunziata kien imiss mad-dar tal-Kappillan u sħaba sewda, ta’ trab u duħħan beda jinfirex mar-raħal kollu.  

In-nies ta’ Ħal Lija jidher ukoll li taw l-ewwel għajnuna li l-gazzetta The Daily Malta Chronicle tgħid li nies tar-raħal ġarr, marru jmiddu idejhom ukoll. Mingħajr telf ta’ żmien, il-Balzanin bdew jieħdu lill-vittmi li ndarbu lejn l-Isptar Ċentrali fil-Furjana. Il-gazzetta Il-Poplu Malti tal-24 ta’ Ottubru 1903 tgħid hekk dwar id-disgrazzja, ‘bħalha ma niftakru qatt li nstemgħet f’Malta.’ 

The Daily Malta Chronicle tat-Tnejn 26 ta’ Ottubru 1903 tistqarr li l-funeral kien ‘a strangely solemn and singularly sad funeral’.  Ħal Balzan ħareġ bi ħġaru jagħti l-aħħar tislima lil ulied ir-raħal li ħallew ħajjiethom għall-festa ta’ Marija Annunzjata. L-istess gazzetta tkompli tirrakontalna dakinhar tal-funeral. ‘a sight of sadness was presented which is more easily imagined than described’. Sadanittant beda jsir il-ġbir għall-familji tal-vittmi milquta, bil-Kappillan Sisner fuq quddiemnett bl-għajnuna tiegħu. 

Il-Banda Cittadina La Vallette fuq inizjattiva tal-President tagħha l-Avukat G. Adami ġietha idea sabiħa li ttella’ programm mużikali li d-dħul tiegħu jmur għall-familji tal-vittmi milquta fid-disgrazzja. Il-Programm Mużikali sar nhar il-Ħadd 15 ta’ Novembru 1903 fil-Ġonna tal-Argotti fil-Furjana. Inġabret is-somma ta’ £27, somma sabiħa għal dak iż-żmien. 

Aktar għajnuna finanzjara waslet mill-Kumpanija Teatrali ‘L-Indipendenza’ li organizzat reċta fit-Teatru Manoel fl-Belt Valletta nhar il-Ħadd 22 ta’ Novembru 1903. Il-Familja Arpa, sidien tal-istess teatru offriet it-teatru b’xejn. Id-dħul kien ta’ kwazi £23 li fi tmiem is-serata s-Sur Arpa ppreżenthom lill-istess Kappillan. 

Il-poplu ta’ Ħal Lija wkoll offra l-għajnuna tiegħu kemm lill-istess Circolo L’Annunziata u kemm lill-poplu Balzani. Is-Sur Luigi Agius u s-Sur Luigi Engere tħabtu kemm felħu biex jiġbru l-flus. It-turija ta’ solidarjetà f’mumenti diffiċli u ta’ tbatija ntweriet mir-raħal ġarr. 

Jidher li din id-disgrazzja bdiet tqajjem kuxjenza dwar ix-xogħol tal-logħob tan-nar ġewwa pajjiżna. F’dik l-epoka jidher li kienet drawwa li xogħol tal-logħob tan-nar jinħadem fil-viċinanzi tal-postijiet abitati. Il-ġurnali bdew iħeġġu lill-qarrejja sabiex jgħinu lil-Pulizija fil-ħidma tagħhom u jirraportaw każi ta’ xogħol li jsir bil-moħbi viċin postijiet abitati. Bdew iħeġġu lill-Pulizija sabiex il-logħob tan-nar ikun taħt superviżjoni u jinħadem f’postijiet liċenzjati, kif ukoll tissuġġerixxi li biex jinxtarw kimiċi kien jenħtieġ il-permess bil-miktub tal-Pulizija. Bdew jissuġġerixxu li jsiru tfittxijiet regolari f’postijiet pubbliċi sabiex in-namra tal-logħob tan-nar tibqa’ u mhux tinqata’. 

Fis-snin 50, l-istorja turi li dak il-murtal li hu magħruf bħala ‘size’ kien oriġina minn dan l-istess grupp. Kien Gabriel Brincat, magħruf taż-Żebgħa li wara l-beraq tefa’ 5 bombi mitluqin li għamlu effett sabiħ u llum, aktar minn 60 sena wara, il-pirotekniċi Maltin komplew jagħmlu diversi varjazzjonijiet li jsaħħru lil min ikun qed jara x-xogħol fl-ajru.  

Jgħaddi ż-żmien u l-logħob tan-nar jibqa’ jissemma matul il-festa tal-Lunzjata. Fis-sena 1963, id-dilettanti tan-nar midħla tal-Każin tal-Banda San Gabriel jibnu kamra tan-nar fil-limiti tal-Iklin li b’determinazzjoni liema bħalha taw dimensjoni ġdida fil-logħob tan-nar. Din inbniet bil-ħila tal-membri tal-istess Kazin fuq quddiem Ġużepp Scicluna magħruf bħala Is-Seqri li ħa ħsieb il-kordinament tal-bini kollu. Żewġ ħarqiet li jibqgħu jissemmew f’Ħal Balzan kienu fis-snin 1968 fl-okkażjoni tal-100 sena mill-wasla tal-istatwa tal-Lunzjata imbagħad is-sena ta’ wara fl-1969 fl-okkażjoni tat-Tielet Ċentinarju mill-ewwel ġebla tal-Knisja Parrokkjali. Jgħaddi ż-żmien u l-Kamra tan-Nar San Gabriel tkun imfittxija sew għal-logħob tan-nar sabiex jinħaraq fil-festi li jsiru fis-sajf jew f’xi attività speċjali.


Valent Azzopardi - 60 sena fil-manifattura tal-logħob tan-nar.

Valent Azzopardi twieled f’Ħal Balzan fit-8 ta’ Marzu 1929.  Kien mastrudaxxa u medd idu f’diversi xogħlijiet marbuta mal-injam fil-Każin tal-Banda San Gabriel fosthom fl-Arkivju tal-Mużika u l-bradella tal-Arkanġlu San Gabriel. Ta’ età żgħira beda jinteressa ruħu fil-festa tal-Lunzjata u daħal membru fil-Każin tal-Banda San Gabriel. Kien jinteressa ruħu fil-qasam tal-logħob tan-nar. Kien Wiġi Ebejer, Segretarju tal-istess Każin li ħajru jibda jaħdem in-nar. Valent, magħruf bhala Valent tal-Gobon, kien il-bniedem liċenzjat tal-Għaqda tan-Nar San Gabriel. Valent jibqa’ wieħed mill-pijunieri li għollew il-livell tal-murtali tal-kulur l-aktar għall-kulur aħdar tad-dawl. Sakemm ippermettiet saħħtu, Valent kien kontinwament mehdi bil-logħob tan-nar. L-għan tiegħu kien li l-festa tal-Lunzjata ma tkunx nieqsa minn xejn.  

Valent ħalla din id-dinja eżattament f’Ħadd il-Għid 8 t’April 2007. Ma setax jonqos li l-Banda San Gabriel tieħu sehem ukoll fil-funeral ta’ Valent bid-daqq ta’ marci funebri. Il-Banda San Gabriel u l-Balzanin taw l-aħħar tislima xierqa lil iben denju ta’ Ħal Balzan nhar il-Ħamis 12 t’April 2007. 

Mhemmx dubju li l-isem ta' Valent Azzopardi jibqa` magħruf fost id-dilettanti tal-logħob tan-nar u bil-wisq jibqa` f'qalb il-Balzanin li għal aktar minn 60 sena sebbah is-sema b`ilwien
 ikkuluriti matul il-festa tal-Lunzjata li ssir f'Ħal Balzan.

L-Għaqda tan-Nar San Gabriel

Picture
L-Għaqda tan-Nar San Gabriel għaddiet minn inċident ikrah nhar il-Ħadd 28 ta’ April 2002 li safa vittma Gejtu Cutajar. Hu miet nhar is-7 ta’ Mejju 2002. F’dik is-sena l-Għaqda ma ħaditx sehem fil-festa b’sinjal ta’ luttu.

B’xorti ħażina l-Għaqda tan-Nar San Gabriel tgħaddi minn inċident ieħor li ħalla r-raħal ta’ Ħal Balzan bla kliem. It-traġedja seħħet nhar l-Erbgħa 14 ta’ Settembru 2005, għall-ħabta tad-8.45am ġewwa l-istess kamra tan-nar li tinsab fil-limiti tal-Iklin. Ħadd mid-dilettanti Balzanin qatt ma basar li Robert Farrugia, magħruf bħala Ir-Robbie kellu jgħaddi minn inċident hekk ikrah fejn proprju kien imur iqatta’ l-ħin liberu tiegħu jimmanifattura l-logħob tan-nar. Ir-Robbie kien magħruf għall-murtali bil-logħob. Il-funeral tiegħu kien sar il-Ġimgħa 16 ta’ Settembru 2005 fejn il-Banda San Gabriel tat l-aħħar tislima bid-daqq ta’ marċi funebri.

Filmat antik tal-Kamra tan-Nar San Gabriel Ħal Balzan
Il-manifattura tal-loghob tan-nar fil-Kamra tan-Nar San Gabriel waqfet wara l-festa 2007. Twaqqfet l-Għaqda Piroteknika 25 ta’ Marzu A.D. 2007 bl-għan li l-festa tal-Lunzjata jkollha programm piroteknika matul il-festa tal-Lunzjata.  Il-Każin tal-Banda San Gabriel baqa’ jagħti s-sehem tiegħu mill-ġbir bieb bieb fit-toroq tan-naħa ta’ fuq tal-Parroċċa u ġentilment baqa’ jagħti l-Ktieb Annwali li jiġi ppubblikat fil-jiem tal-festa u l-Kalendarju sabiex jitqassmu lir-residenti Balzanin. 

Rekord Pirotekniku fl-2014

Filmat tal-Faċċata b'Effetti Pirotekniċi Strobe
Il-Każin tal-Banda San Gabriel għandu rekord tal-Akbar Mixegħla ta' Faċċata b'Effetti Pirotekniċi Strobe li nkiseb nhar is-Sibt 29 ta' Marzu 2014. Għal dawk li huma ċifri tar-rekord kien hemm 1,200 strobe li xegħlu b'9 ilwien differenti fuq medda ta' 290 metru kif stabbiliet mill-Malta Records.

Fuq il-Fosos fl-2015

Filmat ta' Nar tal-Art fuq il-Fosos 2015
F’April 2015, għall-ewwel darba l-Każin tal-Banda San Gabriel ikkompeta fil-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat li jsir ta’ kull sena fuq il-Fosos tal-Floriana.

Il-ħidma tkompli...

Jalla l-festa tal-Lunzjata tibqa’ tkun imżejna bil-logħob pirotekniku li jagħti gost lil dawk kollha li jiġu jżuruna fil-festa tal-Lunzjata f’Ħal Balzan.
 Kull dritt riservat. © 2016
  • Home
    • Djarju tas-Soċjeta'
    • Nostalġija mill-Imgħoddi >
      • Karnival
  • Festa 2017
  • Festa 2016
  • Teatru Manoel
    • Ritratti Sergio Muscat
    • Ritratti Daryl Cauchi
  • Każin
    • Presidenti
    • Kumitati
    • Idħol Membru
  • Festa
    • Banda
    • Nar
  • Ġimgħa Mqaddsa
  • Pubblikazzjonijiet
    • Ktieb tal-Festa 2017
    • Ktieb tal-Festa 2016
    • Nani u Ħal Balzan
    • Ktieb tal-Festa 2015
    • Ktieb 90 Sena Soċjeta'
  • Book Swap
  • Restaurant
  • Kuntatt
  • English
  • Festa 2016
  • New Page
  • Festa 2016