http:www.stgabrielbandclub.com
  • Home
    • Djarju tas-Soċjeta'
    • Nostalġija mill-Imgħoddi >
      • Karnival
  • Festa 2017
  • Festa 2016
  • Teatru Manoel
    • Ritratti Sergio Muscat
    • Ritratti Daryl Cauchi
  • Każin
    • Presidenti
    • Kumitati
    • Idħol Membru
  • Festa
    • Banda
    • Nar
  • Ġimgħa Mqaddsa
  • Pubblikazzjonijiet
    • Ktieb tal-Festa 2017
    • Ktieb tal-Festa 2016
    • Nani u Ħal Balzan
    • Ktieb tal-Festa 2015
    • Ktieb 90 Sena Soċjeta'
  • Book Swap
  • Restaurant
  • Kuntatt
  • English
  • Festa 2016
  • New Page
  • Festa 2016

Il-Festa tal-Lunzjata f'Ħal Balzan

Il-kult lejn it-titlu tat-Tħabbira tal-Arkanġlu San Gabriel lil Marija f’Ħal Balzan imur lura lejn is-seklu 16 meta f’viżta Appostolika mill-mibgħut tal-Papa, Mons Pietru Dusina juri li ġa kienet teżisti kappella ddedikata lil dan it-titlu tat-Tħabbira. Intant għaddew is-snin sakemm fl-1655, Ħal Balzan jinqata’ minn Birkirkara u jsir Parroċċa bl-ewwel Kappillan ikun Dun Adrijanu Zarb. Jgħaddu s-snin u Ħal Balzan jibda jaħseb biex tinbena Knisja Parrokkjali ġdida li din iddum 27 sena biex titlesta...bejn l-1669 u l-1696.
​Jgħaddi ż-żmien u l-Knisja Parrokkjali tibda tissebbaħ fil-parti ta’ ġewwa. Jingħad li lejn nofs is-seklu 19, naraw li fil-festa tal-Lunzjata kienet tintuża l-istatwa tal-Madonna tar-Ruzarju. Hawn ukoll kien jissemma n-nar fil-festa tal-Lunzjata. Fis-sena 1868 hekk qrib il-festa liturġika f’Marzu, tasal l-istatwa titulari tal-Lunzjata, xogħol Salvatore Dimech, imlaqqam is-Sartx. Tistgħu qatt timmaġinaw x’ferħ ħassew il-Balzanin ta’ dik l-epoka meta raw l-istatwa tal-Lunzjata! Dak iż-żmien il-Kappillan kien Dun Pawl Liċinju Micallef. Mas-snin il-festa tal-Lunzjata bdiet tikber u fl-1875 insibu li għall-festa ta’ dik is-sena żżanżnet l-antifona Spiritus Sanctus tal-ġenju mużikali li kkonċepiha Dott. Paolo Nani.
​Għall-festa tas-sena 1877 kien sar it-tuzell. Dan hu tużell uniku f’pajjiżna għax jintrabat min-nofs biss u bla ebda ħbula fil-ġnub biex iżomm fin-nofs. Fl-1890 twaqqaf iċ-Circolo L’Annunziata sabiex jieħu ħsieb l-armar u l-festi esterni tal-Lunzjata.
​Bejn l-1900 u l-1911, isiru sett ta’ 10 statwi ta’ profeti u l-Papa Ljun V. Dawn huma attribwiti lil Vincenzo Cremona, avolja hawn min jgħid li jista’ jkun hemm żewġ statwi ta’ Karlu Darmanin. Dan iċ-Circolo għadda minn żmien ikrah f’disgrazzja tal-logħob tan-nar fl-1903 fejn kienu mietu 6 persuni.
​Fid-19 t’April 1920 twaqqaf iċ-Circolo San Gabriel. Il-Kappillan Dun Amabile Sisner, kittieb u intelletwal, kien stqarr li f’Ħal Balzan mgħandux bżonn l-ebda festa oħra iżda żewġ għaqdiet li jaħdmu għal għan wieħed...għall-festa tal-Lunzjata. Fl-1925 jaslu sett ta’ qniepen ġodda. Hawn il-Kappillan ikun Dun F.S. Zahra. Fl-istess sena jiżżanżnu wkoll sett trofej fuq xoghol ta’ Mikiel Micallef il-Boqboq. Aktar tard isir pedestall kbir għall-istatwa ta’ Ġuditta miċ-Circolo San Gabriel. Bħal kull post ieħor, it-Tieni Gwerra Dinija ġabet ħerba mal-pajjiż kollu u l-festi naqqsu r-ritmu tagħhom f’kull lokalità. Ħal Balzan ma kienx eċċezzjoni. Pero’, wara l-gwerra jidħol demm fiċ-Circolo San Gabriel, issa li beda jissejjaħ Għaqda San Gabriel. Issir faċċata tal-knisja parrokkjali ġdida li għadna ngawduha sal-lum u ssaħħrek bl-ilwien uniċi tagħha. Din l-Għaqda San Gabriel tagħmel avvanzi kbar, minkejja li f’raħal żgħir. F’6 snin, titwaqqaf il-Banda San Gabriel u dak kollu marbut magħha...tagħlim lill-allievi, strumenti ġodda, Innu lil Marija Annunzjata, servizzi fil-festa tal-Lunzjata u barra mir-raħal. Fl-1957 jinxtara l-Każin għadd dell tal-Knisja Parrokkjali. B’dawn l-affarijiet, il-festa tal-Lunzjata kompliet tikber għax issa l-Każin sar kompletament indipendenti bil-banda tiegħu u b’każin tiegħu wkoll u mhux b’kera fejn ħafna għaqdiet mużikali oħrajn f’Malta kienu f’postijiet mikrijin. 
Il-festa tal-Lunzjata kompliet tikber meta fl-1963 inbniet il-Kamra tan-Nar San Gabriel fil-limiti tal-Iklin. Jgħaddi ż-żmien u jaslu s-snin tmenin. U proprju fis-sena 1980 jinqala’ ntopp fil-festa tal-Lunzjata ta’ dik is-sena. Wara d-disgrazzja f’Kamra tan-Nar f’Ħaż-Żebbuġ, il-Gvern kien waqqaf il-logħob tan-nar fil-festi u proprju Ħal Balzan kellu kollox għal-lest ħalli jiċċelebra l-festa tal-Lunzjata bil-kbir. Kienu saru protesti fil-Pjazza tar-raħal.

​Il-Każin tal-Banda San Gabriel jieħu ħsieb nofs raħal f’dak li ghandu x’jaqsam l-armar tal-festa tal-Lunzjata. Armar antik imma mirqum u magħmul b’sena kbira minn missirijietna matul iż-żminijiet. B’xorti tajba dan l-armar għadu jsebbaħ it-toroq Balzanin fi żmien il-festa għax fil-Każin għad issib membri li minn żmien għal żmien jirrestawraw, jirranġaw u jieħdu ħsieb l-armar.
​Bħal kull festa oħra, kull lokalità għandha it-timbru tagħha li jiddistinguha minn festa għall-oħra. Il-festa tal-Lunzjata f’Ħal Balzan għadek issib il-mużika Nani bl-antifoni ta’ Gabriel Angelus u Spiritus Sanctus jiddominaw il-funzjonijiet interni flimkien mad-dekorazzjonijiet ġewwa l-Knisja Parrokkjali. U xi ngħidu wkoll għall-faċċata tal-Knisja mżejna b’dak id-dawl kollu kkulurit.  Imbagħad jasal il-mument tant mistenni meta fi nżul ix-xemx, l-istatwa tal-Lunzjata toħroġ tbierek ir-raħal ta’ Ħal Balzan.
​Fl-1993, il-Każin tal-Banda San Gabriel kien żanżan l-istatwa tal-Arkanġlu San Gabriel fuq xogħol tal-istatwarju Alfred Camilleri Cauchi. Dan kien ġabar għalih Gabriel Pullicino mingħand il-membri tal-istess Każin u l-Balzanin. Dan jittella’ fuq pedestall biswit il-Każin fil-marċ brijuż u mistenni tal- Aħħar tat-Tridu. Kien inxtara wkoll iċ-Ċimblu u kien ġabar id-donazzjonijiet Joe Attard. Inxtraw ukoll sett Timpani u Tubebells li kienu nġabru minn Gabriel Ebejer.
​Wara l-millenju kompla jsir restawr u konservazzjoni fuq l-armar rikk li jipposjedi l-Każin tal-Banda San Gabriel, minn kolonni u l-brazzi, statwi u pedestalli sa fustuni u liedna. Magħhom inżidu l-pedestall maestuż ta’ Ġuditta li int u tiela’ minn  Triq il-Kbira u tidħol fil-pjazza tarah jiddomina x-xena.  Saru pavaljuni bil-pittura għal Triq il-Kbira wkoll. Bħalissa għaddej proġett ta’ sett bandalori ġodda għal Pjazza l-Annunzjata. Sar tibdil ukoll fil-Programm Mużikali li l-Banda San Gabriel kienet ittellgħa f’Lejliet il-Festa u dan bdiet tagħmlu l-Ħamis fit-tieni Jum tat-Tridu b’akkumpanjament mil-logħhob tan-nar ma’ silta mużikali.

L-istatwa titulari ta' Marija Annunzjata

Picture
L-istatwa titulari ta’ Marija Annunzjata hi xogħol fl-injam tal-iskultur Mosti Salvatore Dimech, imlaqqam is-Sartx fl-1868. L-iskultur Dimech ħoloq statwa b’żewġ figuri li tirrapreżenta l-ġrajja tat-Tħabbira ta’ Marija mill-Arkanġlu San Gabriel; fuq naħa l-Arkanġlu San Gabriel, b’pożizzjoni potenti quddiem Marija għarkupptejha taċċetta l-messaġġ li tkun Omm il-Messija, b’vażun b’bukkett fjuri fin-nofs. L-istudjużi jqisu li x-xogħol ta’ Salvu Dimech kien influwenzat mill-moviment tan-Nazzareni. Wara li kienet lesta minn kollox, l-istatwa waslet f’Ħal Balzan qrib il-25 ta’ Marzu 1868, li dak iż-żmien kienet festa kmandata u kienet tiġi ċċelebrata l-festa. Merħba kbira kien ta l-poplu Balzani filwaqt li l-Kappillan Dun Pawl Liċinju Micallef kien għamel diskors ta’ merħba fost l-entużjażmu tal-poplu Balzani. Fis-sena 1930, l-istawa kien sarilha restawr, alterazzjonijiet, żgraffikar u induratura. Saret banketta bi ktieb fuqu minflok il-vażun, tkabbru l-ġwienaħ tal-Arkanġlu San Gabriel u ntmiss il-velu fuq ras il-Madonna. Dawn saru fuq disinn tal-iskultur Abram Gatt u kienu esegwiti minn Manwel Buhagiar. Għaqqad dawn iż-żewġ figuri nsibu pedestall rikk u ndurat bi tmien panewijiet, b’riljievi maħduma fil-bronz li wara ġew arġentati. Il-festa tal-Lunzjata f’Ħal Balzan hija magħrufa bħala festa li ma tkunx nieqsa minn xejn, kemm bil-funzjonijiet fil-Knisja u kemm fit-toroq Balznin li jkunu armati b’armar dekorattiv għall-aħħar.

Il-festa tal-Lunzjata tibqa’ l-attività ewlenija tal-Każin tal-Banda San Gabriel.
 Kull dritt riservat. © 2016
  • Home
    • Djarju tas-Soċjeta'
    • Nostalġija mill-Imgħoddi >
      • Karnival
  • Festa 2017
  • Festa 2016
  • Teatru Manoel
    • Ritratti Sergio Muscat
    • Ritratti Daryl Cauchi
  • Każin
    • Presidenti
    • Kumitati
    • Idħol Membru
  • Festa
    • Banda
    • Nar
  • Ġimgħa Mqaddsa
  • Pubblikazzjonijiet
    • Ktieb tal-Festa 2017
    • Ktieb tal-Festa 2016
    • Nani u Ħal Balzan
    • Ktieb tal-Festa 2015
    • Ktieb 90 Sena Soċjeta'
  • Book Swap
  • Restaurant
  • Kuntatt
  • English
  • Festa 2016
  • New Page
  • Festa 2016