Siltiet minn diskors li sar minn Carmel Bezzina nhar il-Ġimgħa, 19 ta’ Marzu 2010, fil-ġnien ta’ Villa Macedonia, fil-preżenza tal-Viċi Prim Ministru, Dr Tonio Borg, l-Ambaxxatriċi ta’ Spanja, l-E.T. Maria Isabel Vicandi, is-Sindku, Dr John Zammit Montebello, il-kunsilliera u ħafna Balzanin, fl-okkażjoni ta’ Jiem il-Ġonna, organizzati mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan. 

VILLA MACEDONIA - Fi qlub il-Balzanin 

Inħossni ċert li llejla ħafna minna l-Balzanin qed inġeddu bosta memorji ta’ tfulitna u żgħożitna. Għal ħafna minna l-okkażjoni tal-lum mhix l-ewwel darba li qed nirfsu fil-ġnien ta’ din il-Villa. X’aktarx ukoll li qatt m’għaddielna minn rasna li għad xi darba jerġa’ jkollna l-okkażjoni li nerġgħu nidħlu f’dan il-ġnien. Għaldaqstant ħajr lill-Kunsill Lokali li reġa’ tana din l-opportunità.  

L-ewwel ħsieb tagħna llejla ma jistax ma jmurx fin-Nobbli Konti Bernardo Manduca Piscopo Macedonia Zamitt. Il-Konti Bernardo Manduca kien it-tieni fost is-seba’ wlied ta’ Francesco Manduca (1851-1916) u Angiolina, xebba Azzopardi. (1) Il-familja Manduca Piscopo Macedonia ngħatat it-titlu nobbli tal-Kontea ta’ Mont’Alto fit-28 ta’ Diċembru 1776 mid-Duka ta’ Parma, titlu li jintiret mill-missier għall-iben il-kbir. Bil-mewt tal-Konti Francesco Manduca fis-sena 1916, il-werriet naturali kien ibnu Bernardo, żagħżugħ ta’ 25 sena, imwieled nhar it-28 ta’ Settembru 1891.(2)Dak iż-żmien, skont il-Guida Generale di Malta e Gozo, il-familja Manduca kienet toqgħod fid-dar numru 90 (illum in-numru 100), Strada Reale, Ħal Balzan, quddiem il-knisja parrokkjali. Il-Konti Bernardo baqa’ joqgħod f’din id-dar fit-Triq il-Kbira sa nofs is-snin 30 tas-seklu l-ieħor meta bena din il-Villa sabiħa li qegħdin fiha.

  

Ritratt: Il-Konti Bernardo Manduca Piscopo Macedonia Zamitt (1891-1971). Pittura fis-sagristija tal-knisja tal-Madonna tal-Abbandunati fil-Wardija.

Skont id-data taħt l-arma tal-familja, fuq il-frontispizju tal-faċċata, il-Villa nbniet fis-sena 1934. Dak iż-żmien din in-naħa ta’ Ħal Balzan kienet għadha qed tiżviluppa. Il-kunvent u l-kappella tal-Bon Pastur kienu nbnew fl-ewwel snin tas-seklu, u fis-snin ta’ wara bdew telgħin id-djar fi Triq Idmejda. Villino Concetta, sewwasew quddiem il-Bon Pastur, iġib is-sena 1925. Il-perit li ddisinja Villa Macedonia kien Giovanni Sacco. Fl-istess żmien l-istess perit għamel ukoll il-pjanta ta’ Villa Borg (illum Solitaire) fi Triq San Valentin, kantuniera ma’ Triq il-Papa Alessandru VII, mibnija għal oħt il-Konti, Karmena, miżżewġa lis-Sur Josie Borg. Mill-Guida Generale jidher li l-Konti Bernardo ġie joqgħod f’din ir-residenza l-ġdida tiegħu bejn is-snin 1935 u 1936. It-triq, li eventwalment issemmiet għall-Kappillan Dun Amabile Sisner, x’aktarx kienet għadha mingħajr isem. Fil-fatt l-indirizz fil-Guida jingħata sempliċement: “Villa Macedonia”, Balzan.(3)

Ritratt: Il-faċċata ta’ Villa Macedonia, fi Triq Dun Amabile Sisner, Ħal Balzan.

Mal-bini ta’ din il-Villa, il-Konti Manduca ma xtaqx iħalli barra rokna għażiża ħafna għalih. F’linja ma’ karatteristika tal-arkitettura vernakulari, huwa ried li fil-kantuniera bejn Triq Sisner u Triq San Valentin iwaqqaf niċċa lill-Madonna tal-Abbandunati, li kienet tant għal qalbu. Għal dan il-għan huwa kkummissjona lill-iskultur bravu Balzani Wiġi Muscat sabiex jonqox fil-ġebla Maltija statwa tal-Madonna taħt dan it-titlu fuq ix-xbieha tal-istess Madonna, xogħol il-pittur Stefano Erardi, li nsibu fil-knisja tal-Wardija. Din il-pittura hija kopja tal-Madonna Nuestra Señora de los Desamparados li nsibu f’Valencia fi Spanja. Forsi lanqas mhi kumbinazzjoni li llum din il-Villa hija r-residenza tal-Ambaxxatur Spanjol għal Malta. Il-Konti Manduca baqa’ joqgħod f’din il-Villa, tneħħi x-xhur tas-sajf li kien jgħaddihom fir-residenza tal-Wardija qrib il-knisja tal-Madonna tal-Abbandunati, sakemm miet nhar is-6 ta’ Jannar 1971.(4) Il-funeral tiegħu – żgur wieħed mill-funerali l-kbar li qatt ra Ħal Balzan – sar jumejn wara minn din il-Villa, fejn kien espost għal min xtaq iżuru, għall-knisja parrokkjali, akkumpanjat mill-Banda San Gabriel, imbagħad id-difna fil-knisja tal-Wardija.

Ritratt: L-istatwa tal-Madonna tal-Abbandunati, xogħol sabiħ fil-ġebla Maltija tal-iskultur Balzani Wiġi Muscat. Ħafna Balzanin jgħożżu din ix-xbieha tal-Madonna u jsellmulha waqt li jgħaddu minn quddiemha.

Villa Macedonia tingħata l-Architectural Award

Villa Macedonia kienet wieħed mill-edifiċċji f’pajjiżna li rebħu l-Premju tal-Arkitettura – l-Architectural Award – imwaqqaf mill-Gvern fl-1935 bil-għan li jinkoraġġixxi l-eċċellenza fid-disinn tal-bini: “to encourage excellence of design in street architecture”. Dan il-Premju twaqqaf x’aktarx bis-saħħa ta’ Sir Harry Luke, Logutenent Gvernatur ta’ Malta bejn is-snin 1930 u 1938, billi Malta dak iż-żmien kienet immexxija minn Kunsill tal-Gvern wara li kienet ġiet sospiża l-Kostituzzjoni fl-1933. Harry Luke kien bniedem ta’ kultura li kien jieħu interess kbir fl-istorja u fl-arkitettura tal-pajjiżi fejn kien iservi. F’Malta kien ħabib kbir tal-Kav. Olaf F. Gollcher, li għen lil Luke biex isir midħla tal-kultura lokali. Il-Premju tfassal fuq l-istess linji ta’ award Ingliż b’xi bidliet żgħar, u għaldaqstant kienet intalbet informazzjoni mir-Royal Institute of British Architects li kien nieda skema simili fl-Ingilterra fl-1922. Il-ġurija kellha tagħti kas l-ewwel tal-edifiċċju kif jidher minn barra, iżda qabel tittieħed id-deċiżjoni finali l-ġurija kellha tara wkoll il-pjanta u l-bini fit-totalità tiegħu. Il-ġurija kellha bħala chairman lil Harry Luke innifsu, u kienet komposta mir-Rettur tal-Università, id-Direttur tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-President tal-Kamra tal-Periti, iċ-Chairman tal-Bord tal-Estetika, O.F. Gollcher, u l-Assistant Segretarju tal-Gvern, Stewart Perowne. Tneħħi lil Gollcher, dawn il-ħatriet kienu kollha ex officio.

Ritratt: Villa Macedonia, xogħol il-Perit Giovanni Sacco, mibnija mill-Konti Bernardo Manduca fl-1934. Din il-Villa rebħet l-Architectural Award fis-sena 1937. Villa Macedonia llum hija r-residenza tal-Ambaxxaxtur Spanjol għal Malta. 

Għall-għoti tal-Premju tas-sena 1936 intefgħu 13-il applikazzjoni, fosthom Villa Macedonia u Villa Borg, it-tnejn xogħol il-Perit Giovanni Sacco, kif diġà semmejna. Qabel l-iskrutinju finali, il-lista tqassret għal tlieta, fosthom Villa Macedonia. Dik is-sena l-Premju ngħata lil Muscat’s Garage, xogħol il-Perit Silvio Mercieca, li jinsab fil-kantuniera bejn Rue D’Argens u Via Msida, il-Gżira. Iżda għall-Premju tas-sena ta’ wara (1937), minkejja li kienu daħlu ħames applikazzjonijiet, il-ġurija ddeċidiet li l-Premju jingħata lil Villa Macedonia, li kienet ġiet shortlisted is-sena ta’ qabel. Il-membri tal-ġurija, għalkemm innutaw xi difetti arkitettoniċi u l-fatt li l-Villa hija mdawra b’ħajt għoli li ma jagħmilhiex daqshekk viżibbli minn min ikun għaddej mit-triq, xorta waħda ħarġu bil-konklużjoni li Villa Macedonia jixirqilha l-Architectural Award billi hija “a notable attempt to make good use of a sight for the erection of a building possessing aesthetic merit.”(5) 

Villa Macedonia fl-istorja soċjali ta’ Ħal Balzan

Din il-Villa għandha rabta kbira mal-istorja soċjali tar-raħal tagħna. Il-Konti Manduca, Balzani li ħabb ’il raħal twelidu b’qalbu kollha, qatt ma baqa’ lura milli jiftaħ il-bibien tal-Villa tiegħu għan-nies ta’ Ħal Balzan. Fil-festa tal-Qalb ta’ Ġesù, li dari kienet issir bil-kbir fir-raħal tagħna, Villa Macedonia kienet il-post, flimkien mal-kappella tas-Sorijiet Franġiskani Missjunarji ta’ Marija, fejn il-purċissjoni bis-Santissmu Sagrament kienet tieqaf, isir l-att ta’ konsagrazzjoni u tingħata l-barka sagramentali. Dan il-portiku ta’ warajna kien ikun imlibbes bid-damask u mżejjen bil-qsari, kien jintrama artal għall-okkażjoni bix-xemgħat u l-fjuri friski, u statwa sabiħa tal-Qalb ta’ Ġesù, li llum tinsab fil-kor tal-knisja tal-Wardija. Niftakarna, it-tfal ta’ dawn l-inħawi, immiddu idejna għal din il-festa u ngħinu lil Salvu Muscat (ta’ Vokali) li l-Konti kien jinkarigah ta’ kull sena biex jieħu ħsieb it-tiżjin tal-portiku. Kienet tkun verament dehra tal-ġenna tara dawk in-nies kollha, flimkien mal-fratelli lebsin il-konfratija skont il-lewn tal-fratellanza, u l-istandardi rispettivi, imdawrin madwar il-vaska li sa ftit ilu kienet għadha hawn f’nofs il-ġnien, miġburin siekta fil-qima lejn l-Ewkaristija għar-riħa devota tal-inċens li kienet titħallat mal-fwieħa tal-ward u l-fjuri li jsebbħu l-Villa f’dak iż-żmien tas-sena.

Ritratt: Villa Macedonia, armata għall-festa tal-Qalb ta’ Ġesù. Il-purċissjoni bis-Sagrament kienet tidħol fil-ġnien tal-Villa fejn tingħata l-barka sagramentali.

 U xi ngħidu għall-aħħar jum tat-tridu tal-festa tal-Lunzjata? Il-festa ta’ Marija Annunzjata kienet wisq għal qalb il-Konti Manduca. Tkun titkellem miegħu – u jkun jaf li inti bħalu dilettant – ibqa’ ċert li kliemu jaqa’ fuq il-festa, jew il-knisja. Dan jistgħu jixhduh id-dilettanti Balzanin preżenti hawn illejla. Tul il-ġimgħa tal-festa kien itella’ kuljum bandiera differenti fuq l-arblu f’nofs il-bejt tal-Villa, u għal nhar il-festa bandiera daqsiex bl-arma ta’ kunjomu. Għall-marċ tal-aħħar tridu mill-Banda San Gabriel, li dak iż-żmien kienet għadha l-unika banda li kellna fir-raħal, il-Konti kellu statwa tal-Lunzjata, xogħol l-istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri, li kien jagħtiha liż-żgħażagħ tal-Każin sabiex jerfgħuha fuq l-ispalel tul it-toroq tar-raħal mal-briju tal-marċi ferrieħa. Imbagħad xħin il-marċ jasal quddiem il-Villa, l-għaxqa tiegħu kienet li jdaħħal f’dan il-ġnien mhux biss il-bandisti imma lill-Balzanin preżenti, u jieħu pjaċir jitkellem man-nies u jara li kulħadd jiekol xi ħaġa u jbill griżmejh ukoll. Din l-okkażjoni kienet tispiċċa bid-daqq tal-Ave Maria filwaqt li ż-żgħażagħ itellgħu l-istatwa tal-Lunzjata fuq il-pedestall li kien ikun armat apposta quddiem il-portiku. L-istatwa kienet tibqa’ armata għall-jumejn ta’ wara, meta l-Konti kien jiftaħ beraħ ir-rixtellu tal-Villa biex in-nies tittawwal hi u għaddejja.(6) 

Dan hu li tfisser Villa Macedonia għalina l-Balzanin. Tifkiriet sbieħ maħżużin fil-memorja ta’ ħafna minna. U hawn ma nistax ma nsemmix id-dispjaċir tiegħi u ta’ ħafna Balzanin li fir-raħal tagħna għad m’għandniex triq imsemmija għal dan il-bniedem, nobbli minn qalbu aktar milli minn nislu. Forsi tkun idea tajba li sa Jannar tas-sena d-dieħla, f’għeluq l-erbgħin sena minn meta l-Konti Bernardo Manduca ħalliena, din ix-xewqa tagħna ssir realtà. B’hekk tkun qed issir ġustizzja, u Ħal Balzan ikun qed iħallas parti mid-dejn lejn dan il-benefattur kbir tar-raħal u tal-knisja parrokkjali. 

Carmel Bezzina.

(1) Francesco Manduca u Angiolina Azzopardi żżewġu fil-Knisja ta’ San Duminku, il-Belt Valletta, nhar it-12 ta’ Awwissu 1889.

(2) Ara ċ-ċertifikat tat-twelid tal-Insinwa, nru 4598, tas-sena 1891.

(3) Ara Guida Generale di Malta e Gozo (1937-38).  

(4) Ara ċ-ċertifikat tal-mewt tal-Insinwa, nru 696, tas-sena 1971.

(5)Il-Premju reġa’ ngħata fl-1938, din id-darba lil Brighton Flats, fi Triq it-Torri, Tas-Sliema, u l-bord tal-għażla reġa’ appella lill-periti biex jikoperaw ħalli dan il-Premju jibqa’ jkun suċċess. Is-sena ta’ wara (1939) reġa’ kien hemm biss żewġ applikazzjonijiet, iżda l-Premju ma ngħatax billi ż-żewġ binjiet imressqa ma tqisux ta’ livell għoli biżżejjed. It-Tieni Gwerra Dinjija kompliet tat id-daqqa tal-mewt lill-Architecture Award, u mbagħad l-ebda amministrazzjoni li ġiet wara ma reġgħet tatu l-ħajja. Ara George E. Camilleri, “The Architecture Award (1936-9),” Treasures of Malta No. 45, Summer 2009, pp. 24-29.

(6)Din l-istatwa tal-Lunzjata ġiet restawrata u llum tintrama taħt iz-zuntier tal-knisja quddiem il-banka tal-lottu.

 

© copyright 2003 - 2010 St.Gabriel Band Club Balzan A.D. 1920, Main Street, Balzan.  Tel: +356 21 445840.
Designed and Maintained by
Saviour Deguara - Photos & Information gathered by Silvio Cassar, Chantal Farrugia & John Pullicino.