Wara sena hidma… 

Għadu jidwi f’widnejja dak id-diskors fi tmiem il-festa hekk kif daħlet l-istatwa tal-Lunzjata u ngħatat il-Barka Sagramentali, meta l-Kappillan Dun Kalcidon Vassallo tela’ sabiex bħal kull sena jagħmel id-diskors ta’ għeluq il-festa.  Ir-ringrazzjamenti lil min ħa sehem fil-festa ma naqsux.  Fil-bidu tad-diskors tiegħu l-Kappillan meta qal, ‘Il-Parroċċa welldet baby u ħaqqha prosit….dan imur lejn l-Għaqda l-ġdida…L-Għaqda Piroteknika 25 ta’ Marzu li fl-ewwel festa permezz tas-sehem tagħha fil-festa tat gost lil kulħadd’.  Applaws kbir instemgħa u dewa l-Knisja kollha.

Il-ferħ tiegħi u ta’ sħabi deher f’wiċċhom, l-ewwelnett għax mar kollox kif ippjanat u fuq kollox li għamilna, tajna gost u ma weġġa’ ħadd.  Pero’ kif jgħid il-Malti, …kull bidu hu diffiċli….kull bidu għandek telgħa sakemm tibda l-ewwel pass.  U dan aħna m’aħniex xi eċċezzjoni.  Il-bidu tagħna kien wieħed diffiċli minn kull lat.  Pero’ bil-Kumitat li nħatar, daħal b’ruħu u ġismu sabiex barra li jegħleb diversi problemi, jibda jistabbilixxi ruħu bħala għaqda li l-għan tagħha hu li ssebbaħ il-festa tal-Lunzjata, festa tant għaziza għalina.

Tajjeb inkunu nafu t-tluq ta’ din l-Għaqda.  Il-werrieta tal-Kamra tan-Nar San Gabriel kienu avzawna li nar mhux ser jinħadem aktar wara l-festa 2007.  Minn hemm bdew il-preparamenti sabiex titwaqqaf għaqda ħalli l-festa tal-Lunzjata li minn dejjem kienet akkumpanjata bil-logħob tan-nar, hekk ukoll il-festa 2008 jkollha programm pirotekniku diċenti.  Ġie ffurmat Kumitat temporanju sakemm sena wara tissejjaħ Laqgħa Ġenerali ħalli jkollha Kumitat li permezz tiegħu fis-sentejn li jkunu ġejjin jaħdem ħalli jiġbor finanzi meħtieġa ħalli l-festa tal-Lunzjata ma tkunx nieqsa mit-tradizzjonijiet li ħallewlna missirijietna.

Tfassal statut, infetaħ kont il-Bank, bdew isiru laqgħat u għalhekk pprovajna nsibu soluzjonijiet kif ħa nibdew niġbru l-finanzi kif ukoll infasslu programm pirotekniku għall-festa.  Nidejna sistema li għandha tingħata donazzjoni minn kull Kazin jew Għaqda fir-raħal ħalli kulħadd jagħti sehmu fil-festa li hi tal-Balzanin kollha.  U għalhekk aħna kburin b’din l-Għaqda għax qed nipprovaw nagħmlu għaqda fost il-Balzanin kollha u jidher li dan il-pjan qed jirnexxi minkejja li bil-kollaborazzjoni ta’ kulhadd biss nistghu nimxu aktar.  Niftakru ħaġa ħbieb, li dan li qed nagħmlu aħna l-membri ta’ din l-Għaqda, mhux qed isir għal xi gwadann personali.  Mhux qed isir biex nidhru.  Xejn min dan.  Qed nagħmluh għax inħobbu l-festa tal-Lunzjata…għax għalina l-festa hija tant għal qalbna li ma nbiddluha ma xejn.

Bħal kull ħaġa ġdida, sfortunatament, issib nies li ma jaqblux.  Dan hu normali f’ħajjietna.  U aħna li qegħdin hawn dejjem lesti li naqsmu argumenti ċivili ma’ kulħadd għax aħna f’moħħna għandna biss il-festa tal-Lunzjata.  Aħna nilqgħu kull suġġeriment, kull ħsieb u dan dejjem lesti li nagħmluh, basta l-finanzi jkunu adekwati.  Issib min wera x-xewqa li jsir ħruq tan-nar fi ħrug min-niċċa ta’ l-istatwa, issib min wera x-xewqa li lejliet il-festa jkollna xi murtali tal-kulur jew kaxxa ikbar fil-ħruġ tal-purċissjoni.  Dan kollu nixtiequh imma l-finanzi jgħoddu għax il-ħsieb tagħna hu li l-Għaqda ma tagħmel l-ebda dejn.  Rigward ħruq tan-nar fi ħruġ min-niċċa tal-vara, is-somma ta’ l-insurance kienet titla’ konsiderevoli , barra li trid tixtri aktar murtali.  Murtali tal-kulur lejliet il-festa xtaqna li naħarqu imma x’jiswa li nixtru tuzzana murtali tal-kulur u ma jidhru minn imkien mir-raħal filwaqt il-kaxxa tal-ħruġ, j’alla li fil-festa li jmiss ikollna kaxxa akbar milli kellna.

Il-problemi kienu kbar.  Mingħand min ħa nixtru, min fejn ħa jinħaraq il-logħob tan-nar u oħrajn li ridna nsolvuhom malajr ukoll kemm jista’ jkun.  Bdejna nħabbtu diversi bibien ta’ kmamar tan-nar għal stimi izda bdejna nsibu problemi.  Diversi manifatturi tan-nar  xtaqu jaqduna imma ma setgħux ileħħqu mad-domanda tax-xogħol li kellhom…ma ninsewx li naqsu 3 kmamar tan-nar li kienu jaħdmu għal diversi festi u d-domanda kibret u sibnieha diffiċli nsibu sakemm sibna  nixtru mingħand Nettu, Feliċ tal-Qrendi u n-nar ta’ l-art mingħand tan-Naxxar.  Kellna nagħmlu kollox mill-gdid.  Apparti l-permessi ta’ kull sena, kellna nġibu Perit ħa jkejjel id-distanzi meħtieġa kif ukoll kellna problema fejn ħa nerfgħu n-nar matul il-ġranet ta’ qabel il-festa.  Hawn nixtieq pubblikament nirringrazzja lil Toni Muscat li jieħu ħsieb il-Kamra tan-Nar Madonna ta’ Lourdes li refgħalna x-xogħol hemm u ta’ kuljum matul il-granet tal-festa konna mmorru għandu nġibu x-xogħol li konna ser nuzaw.  Ton…int ħabib ta’ veru!!

Rigward l-ewwel esperjenza tal-festa nara li l-Għaqda Piroteknika 25 ta’ Marzu għamlet mirakli.  Il-logħob tan-nar ta’ l-art kien wieħed li ta gost, mela l-pjazza u naħseb taqblu miegħi li ħrigna bl-unuri.  Kif għedt aktar ‘il quddiem dan sar min-Naxxari Renzo Azzopardi mill-Kamra tan-Nar Madonna ta’ Lourdes  li tinsab fil-limiti tal-Magħtab.  Kien hemm 6 biċċiet tal-Balzani Mario Pullicino li ħaqqu prosit tax-xogħol li għamel speċjalment fil-biċċa l-ġdida li tella’ ezattament qabel it-tapit.

Esperiment li rnexxa kien il-famuzi Kaxxi  taċ-Ċinizi.  Kemm għamlu sabiħ waqt il-puċissjoni!!  Kellna 12-il waħda.  J’alla li sena oħra jerġgħu joħorġulna l-permess meħtieġa ħalli nkunu nistgħu ngawdu dawn il-kaxxi.  In-nies apprezzat bil-bosta dawn għax matul il-purċissjoni kienu diversi nies il-ħin kollu jsaqsuni, ‘….minn fejn ħa taħarqu jew min fejn imiss issa…?’  Dawn l-affarijiet lilna jtuna kuraġġ u lesti li fis-snin li ġejjin inkunu f’posizzjoni li nagħmlu aktar.  Grazzi tmur lill-familji, liċ-Ċentru taz-Zgħazagħ, lis-Sorijiet tal-Buon Pastur jew Kazini li ma’ l-ewwel kelma li għednilhom aċċettaw li jisilfuna l-bejt ħalli hekk kif tkun għaddejja l-istatwa tal-Lunzjata tinħaraq kaxxa ċiniza li bdiet timla kull m’hemm.  Qatt ma rajt il-purcissjoni akkumpanjata minn daqshekk nies tul it-triq kollha.

Attivitajiet matul is-sena saru bosta.  Dawn pero’ dejjem saru bi ħsieb li ma jtellfu lil ħadd.  Saret Lasagna u Tombla Night ġewwa s-Sala Aurora, Christmas Disco Party ġewwa l-Liquid Club f’Tal-Balal, Serata nhar il-festa liturġika tal-Lunzjata, bejgħ ta’ pjanti, Lotteriji u ħadna ħsieb it-Tombla fis-Serata Sajfija li jorganizza l-Kunsill Lokali qrib il-festa.  Din ingħatat mis-Soċjeta’ Filarmonika Marija Annunzjata minflok l-offerta  li naqsu li jagħtu bħall-Kazin tal-Banda San Gabriel, Kazin PN, Kazin Balzan Youths FC u ċ-Ċentru taz-Zgħazagħ.  Hawn grazzi rrid ngħid lis-Sur Michael Mifsud talli ġentilment pinġa zewġ kwadri bellezza ta’ l-Arkanġlu Gabriel u l-Madonna ta’ fuq iz-zuntier u ttellgħu Lotterija.  Meta ħa terġa’ tagħmlilna xi ħaġ’oħra!!!  Grazzi mill-qalb!!  Saru inizjattivi oħra minn din l-Ghaqda fosthom sar pocket calendar, donazjonijiet bl-sms, logo ta’ l-Ghaqda….dejjem grazzi u prosit lil Michael Mifsud li ddisinja dan il-logo, lotterija tal-prima u bejgħ ta’ pjanti ħdejn Ġuditta fi zmien il-Milied.

Ir-ringrazzjamenti tieghi jmorru lejn il-Kappillan tal-Parroċċa Dun Kalcidon Vassallo li mal-ewwel jifhem xi tkun trid l-Għaqda tagħna, lill-Kazin tal-Banda San Gabriel li jislifna s-sala ħalli nkunu nistgħu niltaqgħu għas-seduti tal-Kumitat, lir-rapprezentanti li ġejjin mill-Kazin PN, mill-Kazin tal-Balzan Youths FC, mill-Kazin tal-Banda San Gabriel u miċ-Ċentru taz-Zgħazagħ.  Grazzi lill-Avukat ta’ l-Ghaqda s-Sur Trevor Degiorgio, lill-Awditur is-Sur Herculis Farrugia u lil kull membru ta’ dan l-ewwel Kumitat u lil dawk li daħlu membri f’din l-Għaqda.  Grazzi wkoll tmur lejn dawk il-membri tal-Kazin tal-Banda San Gabriel li ġentilment joħorġu jħabbtu l-bibien fil-ġbir ta’ kull ħmistax.  Pero’ grazzi kbira u mill-qalb tmur lejn il-President ta’ din l-Għaqda s-Sur John Pullicino għas-sehem tiegħu.   U meta dan il-ħsieb ikun f’moħħ kull wieħed minna l-Balzanin, allura ngħidilkom ħbieb li din l-Għaqda għandha fejn tkompli tikber minn sena għall-oħra f’dak li għandu x’jaqsam il-logħob tan-nar.

Ma’ dawn ir-ringrazzjamenti kollha, tajjeb li nsemmu s-sosten massimu li baqa’ jagħti l-Kazin tal-Banda San Gabriel lejn it-tradizzjoni tal-logħob tan-nar fil-festa tal-Lunzjata.  Grazzi lill-Kumitat Ċentrali li baqa’ jzomm dak li kien isir qabel...jiġifieri meta kienet għada attiva l-Għaqda tan-Nar San Gabriel, li l-ġbir li jsir mill-Ktieb tal-Festa li ta’ kull sena li jiġi ppubblikat għall-festa tal-Lunzjata jmur għal-logħob tan-nar ta’ l-art ezattament dak li jsir f’Lejliet il-Festa.  Barra minn hekk, anke l-Kalendarju li jiġi ppubblikat fil-bidu ta’ kull sena ġdida, il-qliegħ imur għal din l-Għaqda ġdida.  Grazzi ħbieb ta’ l-enerġija li tagħtu għall-festa tal-Lunzjata u s-sosten kontinwu li toffru għax il-Kazin tal-Banda San Gabriel u l-Għaqda Piroteknika 25 ta’ Marzu għandhom xi haġa komuni zgur... L-IMĦABBA KBIRA LEJN OMMNA MARIJA TAĦT IT-TITLU TA’ L-ANNUNZAZJONI U DAK KOLLU MARBUT MAGĦHA.

X’inhuma l-ħsibijiet ta’ l-Għaqda għaz-zmien li ġej?  Il-ħsieb hu li din l-Għaqda, minn sena għall-ohra tibda taħseb sabiex ikollha l-affarijiet proprejeta’ tagħha.  Għaldaqstant fi zmien li ġej, din l-Għaqda għandha t-tir li tagħmel biċċa nar ta’ l-art li tkun proprejata’ tagħha.   

Il-Kumitat li jien nirraprezenta hu miftuħ għal kulħadd, jilqa’ s-suġġerimenti mingħand kulħadd u minn lest li jservi f’dan il-Kumitat illum għandu ċ-ċans li jagħmel parti minnu.  L-għajnuna hija bzonnjuza sabiex inkomplu nimxu ‘l quddiem fil-ħidma tagħna.  Meta l-ideal ewlieni tagħna lkoll  ikun il-festa tal-Lunzjata, allura aħna bħala Għaqda Piroteknika 25 ta’ Marzu għandna nkomplu nimxu ‘l quddiem fil-ġejjieni…ħalli nibqgħu nkabbru l-festa tant għaziza għalina lkoll….IL-FESTA TAL-LUNZJATA.

Filwaqt li nsellem lill-Balzanin kollha, nirringrazzja lil Webmaster Saviour Deguara li accetta li jislifna spazju f’din il-Webside popolari sabiex inkunu nistghu naghmlu kuntatt mal-Balzanin u mad-dilettanti tal-festi Maltin.

Grazzi u niltaqghu aktar ‘il quddiem b’izjed informazzjoni,

Silvio Cassar
Segretarju
Ghaqda Piroteknika 25 ta’ Marzu Hal Balzan A.D.2007

Il-Kumitat tal-Ghaqda Piroteknika 25 ta' Marzu – Hal Balzan A.D. 2007 hu ffurmat hekk:

Kumitat 2008 - 2010

President
John Pullicino

Segretarju
Silvio Cassar

Kaxxier
Racchel Wannous

Membri
Gorg Mifsud, Andre Vassallo, Steve Aloisio u Alan Deguara

Rapprezentant mill-Kazin tal-Banda San Gabriel
Saviour Deguara

Rapprezentant mill-Kazin tal-PN
Trevor Degiorgio

Rapprezentant mill-Kazin tal-Balzan Youths
Louis Ebejer

Rapprezentant mic-Centru taz-Zghazagh
Reuben Degabriele

Avukat ta' l-Ghaqda
Trevor Degiorgio

Awdittur ta' l-Ghaqda
Hercules Farrugia

Grazzi lill-Kazin tal-Banda San Gabriel li jaccettaw lill-Ghaqda taghna
sabiex taghmel il-Laqghat tal-Kumitat fis-Sede taghha.

28 ta' Marzu 09 - Tombla & Lasagna Night fis-Sala Aurora.

Is-Sibt 28 ta’ Marzu 2009, saret it-Tombla & Lasagna Night gewwa s-Sala Aurora organizzata mill-Ghaqda Piroteknika 25 ta' Marzu b'risq in-Nar tal-Festa 2009.  Matul is-serata telaw 3 premjijiet marbuta ma’ Lotterija li kienu jinkludu:

~ Pittura minn Michael Mifsud tal-kwadru titulari tal-Lunzjata l-antik li jinsab fil-Knisja ntrebhet minn Maria Vassallo (Biljett ahdar 89).
~ Hamper Kbir minn Alfred Cardona (Biljett ahdar 66).
~ 2 Pizza u Flixkun Inbid mis-St. Gabriel Pizzeria minn Noel Borg (Biljett ahdar 103).

28 ta' Novembru 08 - Tombla & Timpana Night fis-Sala Aurora.
Il-Gimgha 28 ta’ Novembru 2008 saret Tombla & Timpana Night gewwa s-Sala Aurora organizzata mill-Ghaqda Piroteknika 25 ta' Marzu b'risq in-Nar tal-Festa 2009.  Matul is-serata ttellghu 4 premjijiet marbuta ma’ Lotterija li kienu jinkludu:

Xirja ta’ €50 minghand Rojolin Grocer li ntrebhet mis-Sinjura Jean Borg -
ISFAR 129.
Voucher ta’ €25 minghand Deguara Ironmongery li ntrebah minn Tessie Pullicino -
ISFAR 45.
2 Pizza mis-St. Gabriel Pizzeria li ntrebhet minn Domnic Muscat -
AHDAR 101.
2 Pizza mis-St. Gabriel Pizzeria li ntrebhet minn Joseph Spiteri -
AHDAR 150.

Grazzi lil dawn l-isponsors! Inthom nies ta’ vera! Prosit u grazzi lil kull min attenda ghas-serata.

30 ta' Marzu 08 - Rebbieh tal-Lotterija, organizzata mill-Ghaqda Piroteknika 25 ta' Marzu... ntrebhet mis-Sur Carmel Stafrace bil-biljett ahdar 058.

29 ta' Marzu 08 - Lejla ta' Varjeta u Tombla fis-Sala Aurora, organizzata mill-Ghaqda Piroteknika 25 ta' Marzu.
 

19 ta' Dicembru 07 - Bibita.
Bibita organizzata mill-Ghaqda Piroteknika 25 ta' Marzu Hal Balzan A.D.2007, fis-Sala Aurora.

© copyright 2003 - 2007 St.Gabriel Band Club Balzan A.D. 1920, Main Street, Balzan.  Tel: +356 21 445840.
Designed and Maintained by
Saviour Deguara - Photos & Information gathered by Silvio Cassar, Chantal Farrugia & John Pullicino.